From Wikipedia, the free encyclopedia
Antonio Lucio Vivaldi (Venezja, 4 ta' Marzu 1678 – Vjenna, 28 ta' Lulju 1741) kien kompożitur u vjolinista Taljan [1][2][3], li kien jgħix fir-Repubblika ta' Venezja, meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-Barokk mużikali.
Antonio Vivaldi | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
Ir-ritratt famużissmu preżunt ta' Antonio Vivaldi (anonimu, seklu 18, madwar l-1723) miżmum fil-Museo internazionale e biblioteca della musica ta' Bolonja. Tliet ritratti ta' Vivaldi tpinġew f'ħajtu. | |||||||
1718 - 1720
1703 -
1703 - | |||||||
Ħajja | |||||||
Isem propju | Antonio Lucio Vivaldi | ||||||
Twelid | Venezja, 4 Marzu 1678 | ||||||
Nazzjonalità | Repubblika ta' Venezja | ||||||
Mewt | Vjenna, 28 Lulju 1741 | ||||||
Post tad-dfin | Vjenna | ||||||
Familja | |||||||
Missier | Giovanni Battista Vivaldi | ||||||
Omm | Camilla Calicchio | ||||||
Konjuga/i | Not married | ||||||
Edukazzjoni | |||||||
Lingwi |
Taljan Latin Venet | ||||||
Għalliema |
Giovanni Battista Vivaldi Giovanni Legrenzi | ||||||
Studenti | |||||||
Okkupazzjoni | |||||||
Okkupazzjoni |
kompożitur kompożitur tal-opri Qassis fil-Knisja Kattolika mużiċist vjolinist surmast tal-kappella għalliem tal-mużika direttur tat-teatru direttur mużikali | ||||||
Impjegaturi |
Ospedale della Pietà (en) Philip of Hesse-Darmstadt (en) Teatro San Angelo (en) | ||||||
Xogħlijiet importanti |
L-Erba' Staġuni Orlando furioso Juditha triumphans (en) Vivaldi's 'Manchester' Violin Sonatas (en) L'estro armonico, Op. 3 (en) Gloria in D Major (en) Stabat Mater (en) Giustino (en) | ||||||
Influwenzat minn |
Arcangelo Corelli (en) Giuseppe Torelli (en) | ||||||
Moviment | mużika Barokka | ||||||
Moviment artistiku |
opra musica da camera mużika tal-knisja kunċert sinfonija sardana | ||||||
Strument/i tal-mużika |
vjolin klaviċembalu vjola tal-imħabba |
Kien qassis imma ma kienx iqaddes għal raġunijiet tas-saħħa. Kellu l-laqam ta' "il Prete rosso" (il-qassis l-aħmar) minħabba li kellu xagħru aħmar.
Kien wieħed mil-vjolinisti l-aktar vituosi ta' żmienu u wieħed mill-aqwa kompożituri tal-mużika barokka. Hu meqjus bħala l-mużiċista l-aktar importanti, influwenti u oriġinali tal-epoka tiegħu. Vivaldi għamel kontribut sinjifikattiv fl-iżvilupp tal-kunċert, fuq kollox dak solistiku (ġeneru mibdi minn Giuseppe Torelli), u fit-teknika tal-vjolin u tal-orkestrazzjoni. Ħadem ukoll fil-qasam tal-opera lirika u x-xogħol vast tiegħu jinkludi ħafna kunċerti, sonati, u mużika saġra.
Ix-xogħlijiet tiegħu fi żmienu influwenzaw għad kbir mill-kompożituri, fosthom il-ġenju kbir tal-barokk Johann Sebastian Bach, imma wkoll Pisendel, Heinichen, Zelenka, Boismortier, Corrette, De Fesch, Quantz u wara influwenzaw mużiċisti klassiċi kbar bħal Wolfgang Amadeus Mozart, Gioacchino Rossini u Ludwig van Beethoven (pereżempju s-Sinfonija Pastorali). Mill-kompożizzjonijiet tiegħu l-aktar magħrufa huma l-erba' kunċerti għall-vjolin bl-isem ta' L-erba' Staġuni, eżempju famuż ta' mużika bis-suġġett. Kif ġaralhom ħafna komożituri barokki, wara mewtu ismu u l-mużika tiegħu intesew. Kien biss bis-saħħa tar-riċerka ta xi mużikoloġi tes-seklu 20, bħal Arnold Schering, Marc Pincherle, Alberto Gentili u Alfredo Casella, Gian Francesco Malipiero li Vivaldi reġa' ġie skopert u sar wieħed mill-kompożituri l-aktar magħrufin u esekwiti.
Id-dokumenti dwar il-ħajja ta' Vivaldi huma skarsi ħafna għaliex qabel is-seklu 20 l-ebda bijografu ma interessa ruħu li jirrikostruwixxiha. Il-bijografija għad fiha ħafna lakuni u ineżattezzi; xi perjodi minn ħajtu għadna ma nafu xejn fuqhom, bħall-vjaġġi li suppost għamel fl-Italja u fl-Ewropa. Allura wieħed irid jirreferi għax-xhieda diretta tal-epoka, b'mod partikulari dik ta' Charles de Brosses, Carlo Goldoni, tal-arkitett Ġermaniż Johann Friedrich Armand von Uffenbach, li kienu iltaqgħu mal-kompożitur. Tagħrif ieħor ġej minn xi manuskritti u dokumenti misjubin f'diversi arkivji fl-Italja u f'pajjiżi oħra.[4] Biex nagħtu żewġ eżempji konkreti: Kien biss fl-1938 li setgħet tiġi determinata id-data ta' mewtu, mill-att misjub Vjenna. u fl-1963 instabet id-data t-twelid fuq l-att tal-magħmudija (qabel is-sena ta' twelidu, 1678, kienet biss dedotta mill-fażijiet magħrufin tal-karriera ekkleżjastika tiegħu).
Antonio Vivaldi twieled nhar il-Ġimgħa l-4 ta' Marzu f'Venezja u tgħammed id-dar mill-majjistra Margarita Veronese għax kien fil-periklu tal-mewt. Rega' tgħammed formalment xagħrejn wara fis-6 ta' Mejju fil-knisja ta' San Giovanni in Bragora, mhux 'il bogħod minn fejn jaħsbu li kien joqgħod Vivaldi, f'bini fil-proprjetà tal-familja nobiljari Salamon, fil-parroċċa ta' La Bragora, fis-sestiere ta' Castello. Il-parrinu tal-magħmudija kien Giovanni Antonio Veccellio, sid ta' spiżerija popolari fuq ir-Riva degli Schiavoni, l-ispiżerija "all'Insegna del Doge", kien ilu għarmel sentejn mill-kuġina ta' omm Antonio.[5]
Missieru Giovanni Battista Vivaldi (madwar l-1655-1736), kien bin ħajjat minn Brescia, li wara mewtu l-familja marret toqgħod Venezja. Kienu joqoqħdu fil-post imsejjaħ "il-fran tal-Arsenale", fil-parroċċa ta' San Martino fejn Giovanni kien jaħdem ta' barbier u vjolinista. Ommu, Camilla Calicchio (1653-1728), kienet bint Camillo Calicchio, ħajjat minn Pomarico, provinċja ta' Matera,[6] li fl-1651, ta' tnejn u għoxrin sena kien mar Venezja, u Zanetta Temporini, mara ta' karattru qawwi , kellha tletin sena meta żżewġet fl-istess sena 1651.[7] Camilla u Giovanni Battista żżewġu fil-11 ta' Ġunju 1676 u kellhom b'kollox tnax-il wild, li fosthom tlieta mietu żgħar. Dawn kienu: Gabriela Antonia (1676-1678), Antonio Lucio (1678-1741), Margarita Gabriella (1680-1750), Cecilia Maria (1683-1767), Bonaventura Tomaso (1685-post 1718), Zanetta Anna (1687-1762), Francesco Gaetano (1690-1752), Iseppo Santo (1692-1696), Gerolama Michela (1694-1696) u Iseppo Caetano (1697-post 1729).[8] Minn dawn Antonio biss għażel il-karriera mużikali.
Missieru kien x'aktarx interessat ħafna aktar fil-mużika milli fix-xogħol ta' barbier, infatti fl-1685 aċċetta x-xogħol pretiġjuż ta' vjolinista tal-basilka ta' San Marco, li dak iż-żmien kienet għadha kappella privata tad-Doge u mhux sede veskoviliu fiha kienu jiċċelebraw biss f'okkażjonijiet speċjali. Fl-istess sena nħatar il-famuż Giovanni Legrenzi bħala Maestro ta' din il-kappella. Flimkien ma' dan u mal-kollega tiegħu Antonio Lotti, Giovanni Battista Vivaldi waqqaf is-Sovvegno dei musicisti di S. Cecilia, konfraternità ta' mużiċisti Venezjani. Ma' dan l-impen fl-1689 żied dak ta' għalliem tal-vjolin fl-isptar dei Mendicanti.
Antonio Vivaldi x'aktarx tgħallem idoqq il-vjolin minn missieru. Wera talent kbir kmieni ħafna u kien jitħalla jmur għand il-mużiċisti tal-Kappella tad-Doge. X'aktarx kien jgħallmu l-Maestro di Cappella Giovanni Legrenzi, però dan ma setax kellu influwenza kbira billi miet fl-1690 meta Vivaldi kellhom xi 12-il sena. Immma m'hemmx dubju li Vivaldi tgħallem ħafna mill-mużiċisti tal-kappella ta' San Marco mindu kien għadu żgħir. Ftit ftit ħa post missieru Giovanni Battista Vivaldi, vjolinista ta' xi fama, li rwol tiegħu fil-ħajja u l-karriera ta' ibnu bilfors kien importanti u fit-tul, billi miet xi ħames snin qabel ibnu.
Il-karriera ekkleżjastika taż-żagħżugħ Antonio bdiet fit-18 ta' Settembru 1693, meta laħaq l-età minima għat-tonsura, minn idejn il-patrijarka ta' Venezja, li sar il-Kardinal Badoero. Kompla l-istudji tiegħu fil-knisja ta' San Geminiano u ta' San Giovanni in Oleo. Kif kienet id-drawwa baqa' jgħix mal-familja fil-parroċċa ta' San Giovanni Battista f'Bragora. Il-mużika ma abbandunahiex; anzi minħabba l-ħila tiegħu fuq il-vjolin fl-1696 kien diġà ġie impjegat bħala vjolinista soprannumerarju matul il-funzjonijet tal-miled fil-kappella tal-bażilka ta' San Marco, fejn deher l-ewwel darba fil-pubbliku. Fl-istess żmien kien jagħmel parti mill-grupp tal-'Arte dei sonadori.
Fl-4 ta' April 1699 ħa l-ordni minuri ta' suddjaknu fil-knisja ta' S. Giovanni in Oleo u, fit-18 ta' Settembru 1700 ġie ordnat djaknu. Fit-23 ta' Marzu 1703 ġie ordnat qassis. Baqa' jgħix id-dar u jaħdem ma' missieru. Laqqmuh il Prete Rosso (il-Qassis l-Aħmar) minħabba l-kulur ta' xagħru, allavolja kien moħbi bil-parrokka kif kienet il-moda dak iż-żmien.
Mill-1704 waqaf iqaddes minħabba raġunijiet tas-saħħa. X'aktarx kien ibati minn xi forma ta' ażma ("għafsa tas-sider") li kien ilu jbati biha mit-twelid,[9] u minħabba tagħha ma kienx jista' jkompli l-quddiesa sal-aħħar mingħajr ma jħalli l-artal.
Minkejja li kien għadu żaghżugħ, il-fama tiegħu malajr bdiet tinfirex u fl-1 ta' Settembru 1703 nħatar bħala maestro tal-vjolin mill-awtorità tal-Pio Ospedale della Pietà bi stipendju ta' 60 dukat fis-sena; baqa' hemm sal-1720. Il-Pio Ospedale della Pietà li twaqqaf fl-1346 kien l-isptar l-aktar prestiġjuż mill-erba' sptarijiet femminili ta' Venezja (it-tlieta l-oħra kienu l-Ospedale degli Incurabili, l-Ospedale dei Mendicanti u l-Ospedale dei Derelitti ai SS. Giovanni e Paolo), u fih kienu jieħdu ħsieb it-tfal orfni jew minn familji fqar ħafna li kienu jitgħallmu sengħa u jħallu l-istitut ta' 15-il sena. Il-bniet minflok kienu jirċievu edukazzjoni mużikali u dawk ta' talent kienu jsiru membri tal-isptar. Dawn kienu jinqasmu fi tlieta skont l-abbiltà tagħhom: figlie di coro, privilegiate di coro, u maestre di coro li kienu jgħallmu. Il-kronista dilettant tal-mużika, Charles de Brosses, kien impressjonat:
Hemm mużika eċċezzjonali u dik hi tal-Ospedali fejn il-"putte" jkantaw qishom anġli u jdoqqu l-vjolin, l-orgni, l-oboe, il-vjolinċell, il-fagott, insomma m'hemmx istrument li jibżgħu minnu. |
F'Awwissu ta' 1704 l-istipendju tiegħu sar ta' 100 dukat u miegħu żid il-pożizzjoni ta' għalliem tal-viola da gamba u fl-1705 ngħata l-inkarigu tal-kompożizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-kunċerti, b'salarju akbar ta' 150 dukat, somma modesta ħafna li kien miżjud magħha l-ħlas tal-quddies ta' kuljum għall-Pietà u l-familji għanja patrizji.
F' Les Confessions , Jean-Jacques Rousseau jagħti xhieda oħra ral-kwalità tal-kwalità ta' dawn it-tfajliet tal-orkestra, li hu seta' jappreza personalment matul iż-żmien li għadda Venezja, meta mill-1743 sal-1744 kien segretarju tal-ambaxxatur Franċiż f'Venezja:
Hemm mużika li fl-opinjoni tiegħi hi aqwa minn dik tal-opri, u li m'hawnx bħala la fl-Italja u lanqas fil-bqija tad-dinja, u dik hi tal-iskejjel. L-iskejjel huma opri tal-karità biex jedukaw il-bniet li m'għandhomx flus u r-repubblika tagħtihom id-dota biex jiżżewġu jew jidħlu sorijiet. Il-mużika hi t-talent l-aktar ikkultivat f'dawn it-tfal. Kull nhar ta' Ħadd fil-knisja tal-erba' skejjel, matul l-għasar, jitkantaw mottetti b'kor kbir u b'orkestra kbira, komposti u diretti mill-aqwa maestri tal-Italia, esegwiti minn wara l-gradilji minn tfajliet li l-akbar waħda fosthom għandha inqas minn għoxrin sena. |
Il-fatt li kellu għad-diżpożizzjoni tiegħu dawn l-istrumentalisti u kantanti esperti mingħajr ħsieb ta' numru, ħin jew spejjeż kien ta' vantaġġ kbir għall-kompożitur billi hekk kellu libertà kbira fil-kreatività u l-isperimentazzjoni f'kull tip ta' kumbinazzjoni tal-organiku strumentali. F'din l-epoka il-maestro tal-vjolin żagħżugħ kien żgur beda il-karriera tiegħu ta' kompożitur u kien qiegħed isir magħruf għall-ewwel opri tiegħu mifruxin f'manuskritti, u l-fama li kien beda jieħu setgħet tiġġustifika ntgħażel biexjiġi afdat dan il-post importanti. Id-direzzjoni mużikali tal-Pietà kinet affdata mill-1801 lil Francesco Gasparini, "maestro di coro". Dan il-mużiċista ta' talent kbir , attiv ħafna fil-kompożizzjoni, kien jiddeika l-parti l-kbira ta' ħinu jaħdem fuq l-opri fit-Teatro Sant'Angelo.[10] Allura kien iħalli f'idejn Vivaldi għad kbir, dejjem jikber, ta' dmirijiet li fl-aħħar Vivaldi fil-vrità sar l-animatur mużikali prinċipali tal-Ospedale.
Ir-relazzjonijiet tiegħu mal-kunsill direttiv tal-Ospedale, jekk noqgħodu fuq il-ftit dokumenti li baqa', jidhru li kienu jvarjaw. Kull sena it-tmexxija tal-istitut Venezjan kienu jiltaqgħu biex jivvutaw fuq il-post ta' maestro. Vivaldi kien rarament spostat imma fl-1709 tilef il-post b'7 voti kontra u 6 favur. Però wara li baqa' jaħdem għal rasu bħala mużiċista għal sena oħra, fl-1711 reġa' nħatar fil-Pietà wara votazzjoni tal-kunsill tal-istitut. Dan kien x'aktarx għax id-direzzjoni kienu fehmu l-importanza tiegħu fl-iskola. Fl-1713 sar risponsabli għall-attività mużikali tal-istitut u fl-1716 "maestro de' concerti". L-istudjużi tal-ħajja ta' Vivaldi, bħal Michael Talbot u Micky White, jiddubitaw jekk kienx qata' formalment kull inpen min mal-Pietà matul is-snin li ma kienx jgħallem hemm. Hemm probabbiltà kbira li Vivaldi kompla jforni l-Pietà b'kunċerti u kompożizzjonijiet oħra matul ħajtu kollha, anki privatament.
Kien matul dawn is-snin li Vivaldi kiteb il-parti l-bira tal-mużika tiegħu, li tikkonsisti f'ħafna opri u anke għadd kbir ta' kunċerti. fl-1705 ġiet ippubblikata l-ewwel ġabra tiegħu, Opus 1, ġabra ta' 12-il sonata għal tlieta ddedikata lin-nobbli Venezjan Annibale Gambara, li kienu għadhom fl-istil neocorrelljan . Fl-1708[11] dehret ġabra oħra ta' 12-il sonata għall-vjolin u l-basso continuo (Opus 2), imma l-fama laħqet il-livell internazzjonali bil-kollezzjoni ta' 12-il kunċert għall-arki, L'estro armonico (Opus 3), li ġie stampat Amsterdam fl-1711 bis-saħħa tal-editur Estienne Roger, li kien aktar 'il quddiem fit-teknika ġdida tal-istampa mill-edituri Venezjani Sala u Bortoli. Il-ħarġa tagħha ġiet ippubblikizzata b'avviż f'The Post Man ta' Londra. Dawn il-kunċerti kellhom suċċess tremend fl-Ewropa kollha u kienu segwiti fl-1714 minn La stravaganza (Opus 4), ġabra ta' kunċerti.
Fi Frar tal-1711 Vivaldi, flimkien ma' missieru mar Brescia, fejn ikkonsinna l-iStabat Mater RV 621 lill-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta' San Filippu Neri li kienu kkommissjonawha. Fl-1718 beda perjodu ta' vjjaġġi ta' sikwit, imma qatt ma qata' r-rabtiet li kellu mal-Pietà. Mill-atti reġistrati nistgħu naraw li bejn l-1723 u l-1729 tħallas għall-kompożizzjoni ta' mill-inqas 140 kunċert.
F'Venezja tal bidu tas-seklu XVIII l-opra kienet id-divertiment mużikali l-aktar popolari u l-aktar ta' qligħ għall-kompożituri. Kien hemm bosta teatri jikkompetu bejniethom. Sa ftit snin ilu kienu jaħsbu li l-ewwel xogħol teatrali Vivaldjan kien Ottone in villa (RV 729), irrappreżentat fit-Teatro delle Grazie ta' Vicenza f'Mejju tal-1713. Però wara riċerki ġodda instab li Vivaldi kiteb l-ewwel opra fl-1705 jew qabel għax f'din is-sena lesta Creso tolto alle fiamme (RV Anh. 138) ta' Girolamo Polani għat-Teatru Sant'Angelo ta' Venezja. Fl-1714 sar impreżarju kif ukoll direttore delle musiche f'dan it-teatru fejn lesta it-tielet opra tiegħu Orlando finto pazzo (RV 727). Madankollu ma jidhirx li d-dramm kellu s-suċċess mistenni, u biex "isalva" l-istaġun, l-impreżarju Vivaldi kellu jirranġa b'xi tibdiliet u b'xi żididiet Orlando ta' Giovanni Alberto Ristori, li kienet ġa ppreżentata s-sena ta' qabel. Fl-1715 tela' pastiċċ, Nerone fatto Cesare (RV 724, mitluf), bil-mużika ta' diversi kompożituri u 11-il arja minn Vivaldi stess.
Is-sena 1716 rat ir-rappreżentazzjoni ta' Arsilda, regina di Ponto (RV 700), li x'aktarx kienet suċċess billi wara l-opra ta' warajha (L'incoronazione di Dario, RV 719), ġew proposti rappreżentazzjonijiet bl-istess atturi żagħżagħ ħafna (l-aqwa fosthom Annibale Pio Fabri, Anna Vicenza Dotti u Maria Teresa Cotte jew Cotti)[12]. Fl-istess sena ġiet rappreżentata La costanza trionfante degli amori e degl'odii (RV 706), fit-teatru żgħir San Moisè.
Fl-istess perjodu il-Pietà ikkommissjonatlu diversi xogħlijiet liturġiċi. L-aktar importanti fosthom kienu żewġ oratorji: l-ewwel wieħed, Moyses Deus Pharaonis (RV 643), li sfortunatament intilef u it-tieni, Juditha triumphans devicta Holofernis barbarie (RV 644), kompost fl-1716, li hu wieħed mix-xogħlijiet sagri l-aktar magħrufin ta' Vivaldi. It-tieni wieġed kien ikkommissjonat biex jiċċelebra il-vittorja tar-Repubblika ta' Venezja kontra t-Torok u r-rikonkwista tal-ġżira ta' Corfù. Il-ħdax-il parti, kemm maskili kif ukoll femminili, kienu interpretati mill-bniet tal-Pietà u ħafna arji kellhom partijiet għal strumenti solisti bħal flauti dolci, obwejiet, klarinetti, viola d'amore, mandolini, biex juru t-talent tat-tfajliet anke fi strumenti partikularment rari u li ma jinkisbux faċilment f'dik l-epoka.
Bħala rappreżentant l-aktar jidher tal-istil operistiku modern, Vivaldi kien wieħed mill-bersalji tal-fuljett satiriku Il teatro alla moda, ippubblkat anonimament fl-1720, imma magħruf li kien miktub mill-mużiċista u letterat Benedetto Marcello. Benedetto Marcello, patrizju u maġistrat Venezjan, li kien ukoll mużiċista apprezzat minn ħafna mill-kontemporanji tiegħu (fosthom Johann Sebastian Bach), kien jappoġġa viżjoni aristokratika u elitista tal-mużika, u ma kienx lest li japprezza l-aspetti aktar "popolari" tal-produzzjoni operistika tal-epoka tiegħu. Madankollu l-unika referenza espliċita għal Vivaldi fit-Teatro alla moda hi moħbija fil-frontespizju, fejn sensiela ta' anagrammi li jaħbu l-ismijiet ta' xi persunaġġi magħrufin ħafna fl-epoka, fosthom, "ALDIVIVA" li tirreferi ċarament għal Vivaldi. Fl-istess frontespizju jidher grupp ta' personaġġi fuq dgħajsa u r-raġel bilwieqfa fuqha liebes kappell tal-qassisin u jdoqq il-vjolin seta' kien karikatura ta' Vivaldi. Fil-bqija, il-fuljett jikkritika u jirridikola aspetti tat-teatru mużikali li kienu mifruxin ħafna dak-ż-żmien imma mhux speċifikament diretti kontra l-attività ta' Vivaldi.
Fl-1718 lil Vivaldi offrewlu l-inkarigu prestiġjuż ta' maestro di cappella da camera fil-qorti ta' Filippu t'Assia-Darmstadt, gvernatur ta' Mantova u dilettant kbir magħruf tal-mużika. Allura mar joqgħod fil-belt Lombarda u baqa' hemm madwar tliet snin.[13] Min dan il-perjodu, biex inkunu eżatti mill-istaġun 1720-1721, baqa' xhieda ta' almenu tliet opri, fosthom Tito Manlio (RV 738), u diversi kantati u serenati. Wara Vivaldi mar Milan, fejn fl-1721 ippreżenta id-dramma pastorali La Silvia (RV 734) u fl-1722 l-oratorju L'adorazione delli tre re magi al bambino Gesù (RV 645, mitluf). Ukoll fl-1722 il-kompożitur Venezjan mar Ruma, fejn kien mistieden mill-Papa Benedettu XIII biex idoqq fil-preżenza tiegħu. Fl-1725 tmar lura Venezja, fejn fl-istess sena pproduċa erba' xogħlijiet teatrali.
Dan kien ukoll li-perjodu li fih kiteb Le quattro stagioni, erba' kunċerti għall-vjolin li jirrappreżentaw ix-xeni tan-natura bil-mużika. X'aktarx l-idea li jikkomponi dawn il-kunċerti ġietu meta kien fil-kampanja madwar Mantova. Dawn kienu konċezzjoni revoluzzjonarja fil-mużika, fihom Vivaldi jirrappreżenta l-ħoss tal-ilma fin-nixxigħat, l-għana tal-għasafar, l-inbiħ tal-klieb, iż-żarżir tan-naħal, l-għajjat tar-rgħajja, it-tempesta, iż-żeffiena fis-sakra, il-lejl sieket, il-festi tal-kaċċa, il-mogħdija bis-silġ, it-tfal jiżżerżqu fuq is-silġ u l-ħoss tan-nar jaqbad. Ma kull kunċert hemm assoċjat sunett miktub minn Vivaldi stess, li jiddesktivi x-xena raffigurata fil-mużika. Dawn ġew ippubblikati bħala l-ewwel erba' kunċerti f'ġabra ta' tnax: Il cimento dell'armonia e dell'inventione Opus 8, ippubblikata Amsterdam, fl-1725, minn Michel-Charles Le Cène, li ssuċċieda lil Estienne Roger fl-attività editorjali.
X'aktarx matul dan il-perjodu f'Mantova Vivaldi sar jaf 'il Anna Girò, li dak iż-żmien kienet għadha tifla (jaħsbu li twieldet madwar l-1710), li 'l quddiem kellha ssir l-istudenta tiegħu u takkwista fama kbira bħala kantanta lirika. Vivaldi tella' mill-inqas 15-il rappreżentazzjoni operistika bil-parteċipazzjoni ta' Anna Girò bejn l-1723 u l-1740. Minkejja li hemm ħafna letteratura li ħolqot ipoteżi fantasjuża dwar ir-relazzjoni ta' mħabba li seta' kien hemm bejniethom, sa issa m'hemm l-ebda prova minnn dokumentazzjoni storika.
Fil-quċċat tal-karriera, Vivaldi rċieva għadd kbir ta' kummissjonijiet mill-familji nobbli u rjali tal-Ewropa. Is-serenata La Gloria, Imeneo (RV 687) kitibha għaż-żwieġ ta' Lwiġi XV. L-Opus 9, La cetra, kien iddedikat lill-Imperatur Karlu VI. Vivaldi kellu l-opportunità li jiltaqa' mal-Imperatur fl-1728, meta dan mar Trieste biex jissuperviżża l-bini ta' port ġdid. Carlo tant kien jammira x-xogħol tal-Prete Rosso, kif kellu d-drawwa li jsejjaħlu, li dam ikellmu aktar milli kien dam ikellem il-ministri tiegħu f'sentejn. Tah it-titlu ta' Kavallier u midalja tad-deheb u stiednu jmur il-qorti ta' Vjenna. Min-naħa tiegħu Vivaldi ppreżenta l-Imperatur b'dik li suppost kienet kopja tal-manuskritt ta' La cetra. Però din il-ġabra ta' kunċerti hi kważi kompletament differenti minn dik ippubblikata bl-istess titlu, bħala Opus 9. X'aktarx minħabba dewmien fl-istampar Vivaldi ħoloq bl-aħjar mod li seta' ġabra improvviżata ta' kunċerti.
Fl-1730, flimkien ma' missieru vvjaġġa għal Vjenna u Praga, fejn ġiet rappreżentata, fost oħrajn, l-opra tiegħu Farnace (RV 711). Xi xogħlijiet oħra ta' dan il-perjodu juru li kien iltaqa' ma' tnejn mill-aqwa librettisti Taljani tal-epoka: L'Olimpiade u Catone in Utica kienu komposti fuq librett ta' Pietro Metastasio li kien diġa famuż u li fl-1730 kien inħatar "Poeta Ċesarew" fil-qorti ta' Vjenna, waqt li l-librett ta' Griselda kien adattament, miż-żagħżużgħ Carlo Goldoni, ta' librett antik tal-predeċessur ta' Metastasio, Apostolo Zeno.
Il-ħajja ta' Vivaldi, bħal ta' ħafna kompożituri ta' żmienu, spiċċat ħażin minħabba l-kondizzjonijiet ekonomiċi u umani. L-opri tiegħu ma baqgħux partikularment apprezzati Venezja minħabba bidla mgħaġġla fil-gosti u minħabba d-dħul tal-opra Naplitana ma baqgħux moda. Allura fl-1737 iddeċieda li jmur Vjenna, fejn kien stiednu Karlu VI u fejn kien jispera li jsib xi pożizzjoni uffiċjali fil-qorti. Barra minnhekk x'aktarx li Vivaldi kellu f'moħħu li jtella' xi opri fil-Kärntnertortheater. Biex iħallas l-ispejjeż biex imur Vjenna ma ħasibhiex darbten biex ibigħ għadd konsiderevoli ta' manuskritti b'irħis. Imma fiż-żmien meta ddeċieda li jmur joqgħod fil-belt kapitali Asburġika u hekk iħalli l-Talja għal dejjem, ġara episopdju spjaċevoli li affettwa r-ruħ tal-mużiċista profondament.
Lejliet il-ftuħ tal-istaġun tal-opra f'Ferrara, li bih Vivaldi kien jispera li joħroġ mid-diffikutajiet li kien iltaqa' magħhom f'pajjiżu, ġie msejjaħ min-nunzju appostoliku ta' Venezja li għarrfu li kien hemm projbizzjoni li jmur Ferrara, deċiża fid-diskussjonijiet li kellu mal-Kardinal Arċisqof ta' dik il-belt, Tommaso Ruffo.[15] Din id-deċiżjoni li kienet katastrofika minħabba l-istat avvanzat tal-proġett u l-impenji finanzjarji li kien diġà ħa Vivaldi, kienet motivata mill-fatt li l-Prete Rosso ma kienx iqaddes u kellu d-drawwa li jivjaġġa ma' Girò u nisa oħra, barra li l-arċisqof kien kontra li l-qassisin jieħdu sehem fl-affarijiet tal-ispettaklu.[16] Dan hu għall-inqas dak li jidher mill-ittra mibgħuta minn Vivaldi lill-protettur Ferrariż tiegħu, il-Markiż Guido Bentivoglio, biex jitlob l-appoġġ tiegħu biex jipprova jikseb revoka tal-interdizzjoni veskovili. F'din l-ittra Vivaldi jispjega r-raġuni tas-saħħa li minħaba fiha kien ilu ma jqaddes għal ħafna snin, u l-korrettezza perfetta fl-imġiba tiegħu man-nisa li jikkumpanjawh, kollha ta' devozzjoni u onestà jleqqu u bil-provi.[17] Minkejja l-isforzi tiegħu kollha Vivaldi ma rnexxielu jikseb xejn u barra mit-telf ekonomiku dan qisu affront kbir li ġiegħlu jitlaq mill-Italja għal dejjem.
Diżgrazzjatament, ftit wara li wasal Vjenna f'Ottobru tal-1740, Karlu VI miet. Imbagħad segwiet gwerra ta' dimensjonijiet Ewropej, Il-Gwerra tas-suċċessjoni Awstrijaka li ġiegħlet it-tifla, l-imperatriċi futura Marija Tereża tal-Awstrija, li taħrab għall-Ungerija. Din kienet daqqa ta' ħarta traġika għal Vivaldi għaliex barra li minħabba l-gwerra, it-teatri Vjenniżi għalqu sas-sena ta' wara, hu baqa' mingħajr protezzjoni Imperjali u mingħajr flus. Vivaldi, forsi għax kien marid wisq u fqir wisq ma seta' jagħmel xejn ħlief li jibqa' Vjenna, ibigħ il-manuskritti b'irħis biex jgħix sakemm fil-lejl bejn is-27 u t-28 ta' Lulju 1741, miet b'infezzjoni intestinali (jew forsi anki minħabba b'dik l-asma bronkjali li kien ilu jbati biha minn twelidu) f'appartment qrib ħafna tal-Kärntnertortheater. Fit-28 ta' Lulju Vivaldi indifen f'fossa komuni fl-iSpitaller Gottsacker ta' Vjenna, b'funeral sempliċi imsejjaħ "tal-fqar". Iċ-ċimiterju m'għadux jeżisti, il-post fejn kien il-qabar tiegħu qiegħed maġenb il-Karlskirche, fejn hemm is-sede ċentrali tal-Università Teknika ta' Vjenna. Fil-bidu il-mużika tiegħu kienet sfortunata wkoll u waqgħet fl-oskurità, fejn baqgħet sa nofs is-seklu 20, meta l-figura ta' Vivaldi reġgħet saret importanti ħafna fil-panorama tal-istorja tal-mużika Ewropea.
Vivaldi jemfasizza ħafna l-istruttura formali u ritmika tal-kunċert, ifittex ripetutament kontrasti armoniċi u jivvinta temi u melodiji mhux tas-soltu. It-talent tiegħu kien jikkonsisti fil-kompożizzjoni ta' mużika mhux akkademika, ċara u espressiva b'mod li tista' tiġi apprezzata mill-pubbliku ġenerali u mhux mill-minoranza ta' speċjalisti biss. Vivaldi kien apprezzat mill-kritiċi Ġermaniżi kontempoanji. Fosthom insibu 'l Johann Adam Hiller, Ernst Ludwig Gerber u l-flawtista u kompożitur Johann Joachim Quantz. Dan qal li kien sema' xi kunċerti (probabilment L'estro armonico) tal-Prete Rosso f'Pirna fl-1714 u ddeskrvihom bħala ġeneru ġdid ta' biċċiet mużikali b'ritornelli manjifiċi (dan kien wieħed mir-rikonoxximenti kbar lil Vivaldi minn personalità ta' żmienu.) Il-mużika tiegħu kellha influwenza kbira fuq diversi kompożituri Awstrijaċi u Ġermaniżi. Fost dawn l-aktar famuż kien Johann Sebastian Bach, li kien influwenzat ħafna mill-forma tal-kunċert Vivaldjan: xi kunċerti Vivaldjani tant assimulahom li ttraskriviehom għall-orgni, il-klaveċimbalu solista jew għal klaveċimbalu wieħed jew aktar mal-orkestra. Fost dawn kien hemm il-famuż Kunċert għal erba' vjolini, arki u klaviċembalu op. 3 n. 10 (RV 580). Bach ma ttraskriviehomx biss imma żejjen sistematikament in-nisġa Vivaldjana mill-punto di vista kontrappuntistiku.
Kien apprezzat ukoll fl-ambjent mużikali Franċiż, li fih kienu jispikkaw Pierre Gaviniès u l-organista Michel Corrette. Il-fama tiegħu fi Franza kompliet għal ċertu żmien anke wara mewtu, infatti Jean-Jacques Rousseau fl-1775 għamel riarranġament għall-flawt tal-Primavera.
Min-naħa l-oħra kien attakkat bl-aħrax mill-Ingliżi, pereżempju Charles Avison kien isostni li l-mużika tiegħu kienet addattata biex "tidiverti t-tfal". Madankollu f'ħajtu il-mużika strumentali tiegħu kellha suċċess fl-Ewropa kollha u kienet stampata bosta drabi kemm mill-Franċiżi kif ukoll mill-Ingliżi.
L-Italja minkejja li kellu influwenza qawwija u li ġedded il-mużika strumentali tal-epoka, kien kważi injorat għal kollox mill-istudjużi ta' żmienu u wara mewtu x-xogħlijiet tiegħu intesew totalment. Dan kien minħabba l-moda li kien hemm l-Italja tas-seklu 18 fejn kienu dejjem iridu awturi ġodda u mużika ġdida. Vivaldi hu meqjus bħala wieħed mill- maestri tal-iskola Barokka Taljana, ibbażata fuq kontrasti sonori qawwija u fuq armoniji sempliċi u suġġestivi. Kien prattikament minsi matul iż-żmien tal-Klassiċiżmu, imma beda jintgħoġob mir-Romantiċiżmu tardiv u fil-bidu tas-seklu 20. Wara r-riskoperta tax-xogħlijiet tiegħu wara t-Tieni Gwerra Dinjija (bis-saħħa wkoll tat-twaqqif ta' entitajiet bħall-Istituto Italiano Antonio Vivaldi dedikati għall-istudju u għat-tifrix tal-mużika Vivaldjana), Vivaldi sar wieħed mill-kompożituri l-aktar popolari u mismugħin tal-Barokkanke jekk mhux il-mużiċisti kollha tas-seklu 20 urew l-istess entużjażmu: Luigi Dallapiccola qal provokatorjament li Vivaldi ma kitibx 400 kunċert, "imma l-istess kunċert għal erba' mitt darba". Din reġa' qalha Igor' Fëdorovič Stravinskij, u issa saret proverbjali.
Il-katalgu tax-xogħlijiet ta' Vivaldi hu partikularment vast u kompless. Minħabba l-fama kbira li kellu mal-Ewropa kollha il-manuscritti tigeħu infirxu mal-irkejjen kollha tal-kontinent. Allura mhuwiex rari li f'xi riorganizzazzjoni tal-kollezzjonijiet tal-manuskritti ta' biblijoteka titfaċċa xi kompożizzjoni mhux pubblikata li kienet intilfet għal sekli sħaħ, kif ġara reċentement Dresden. Element ieħor ta' konfużjoni ġej mill-eżistenza ta' diversi katalgi li ma jaqblux bejniethom f'dak li jirrigwarda in-numerazzjoni u l-kronoloġija tax-xogħlijiet. Fosthom, dal-aħħar il-Katalgu Ryom (different mill-ittri RV) jidher li sar ir-riferiment universali. Madankollu anke issa mhux rari li tiltaqa' ma' pubblikazzjoni mużikali li tagħmel riferiment għal katalogazzjoni differenti. Fil-"corpus" tal-kompożiizzjonijiet Vivaldjani insibu madwar 600 kunċert u sonata li kważi 300 minnhom huma għall-vjolin wieħed jew aktar, madwar 30 għall-vjolinċell, 39 għall-faggot, 25 għall-flawt u 25 għall-oboe, u l-bqija għall-strumenti bħal-ljutu, il-mandolina u strumenti oħra li jintużaw rarament ħafna fil-funzjoni konċertistika tal-epoka Mal-kompożizzjonijiet mużikali rridu nżidu 'l madwar 100 xogħol ta' mużika sagra u 100 xogħol ieħor ta' mużika vokali. Il-kompożizzjonijiet operistiċi nstabu mill-ġdid riċentement. Dawn jkkonsistu f'madwar 45 titlu li għal ħafna minnhom intilfet il-parti mużkali tagħhom.
Vivaldi baqa' mhux magħruf għall-kunċerti ppubblikati u injorat għal kollox sa wara li reġa' beda jkun hemm interess fil-mużika ta' Bach, bis-saħħa ta' Felix Mendelssohn-Bartholdy. Anke x-xogħol famuż tiegħu, Le quattro stagioni, ma kienx inkluż fl-edizzjoni oriġinali. Fil-bidu tas-seklu 20 il-kunċert fl-istil Vivaldjan kompost fl-1913 minn Fritz Kreisler li għaddieh bħala xogħol oriġinali tal-Prete Rosso (RV Anh. 62),[18] ikkontribwixxa għall-irxoxtar tal-fortuna ta' Vivaldi. Dan ta spinta lill-istudjuż Franċiż Marc Pincherle, biex jibda xogħol akkademiku fuq ix-xogħlijiet tal-kompożitur Venezjan. I-sejba ta' bosta manuskritti ta' Vivaldi u l-akkwiżizzjoni tagħhom mill-Biblioteca Nazionale Universitaria di Torino wasslet għal interess ġdid fil-mużika ta' Vivaldi.
It-twelid mill-ġdid tax-xogħlijiet mhux pubblikati ta' Vivaldi fis-seklu 20 sar l-aktar bis-saħħa tad-dedikazzjoni ta' Alfredo Casella, li fl-1939 organizza is-Settimana di Vivaldi, issa storika, li fiha instabu mill-ġdid il-Gloria RV 589 u L'Olimpiade (RV 725). Mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn il-kompożizzjonijiet ta' Vivaldi kellhom suċċess universali. Fl-1947 il-kummerċjant Venezjan Antonio Fanna waqqaf l-Istituto Italiano Antonio Vivaldi, bil-kompożitur Gian Francesco Malipiero bħala direttur artistiku, bl-intenzjoni li jimppromwovi l-mużika ta' Vivaldi u l-pubblikazzjoni ta' edizzjonijiet ġodda tax-xogħlijiet tiegħu.
Għalkemm Il-kunċert solistiku, li ġej mill-concerto grosso, kien bdieh Giuseppe Torelli xorta lil Vivaldi għandna nattribwixxu l-elaborazzjoni ta' forma li kienet użatat bħala mudell sat-twelid tal-kunċert klassiku.[19] Il-parti l-kbira mill-kunċerti tiegħu hi kkaratterizzata minn żewġ movimenti mgħaġġlin b'alternazzjoni ta' "kollha" bbażati fuq ritornell, li jerġa' jiġi propost f'diversi tonalitajiet ta' soli modulanti ta' karattru tematiku ħieles. Din il-forma, li ma kinetx invenzjoni Vivaldjana,[1] intużat mill-kompożitur Venezjan b'libertà kbira; pereżempju matul il-moviment iqassar ir-ritornell waqt li fl-istess ħin itawwal is-soli, jew jirrepeti darbtejn ir-ritornell finali bl-inserzjoni ta' episodju soliistiku qasir li juża materjal mużikali mill-ewwel solo.[20] Fil- movimenti bilmod, kultant juża forma ta' ritornell semplifikata, u drabi oħra juża forma b'tema waħda u b'żewġ partijiet maħruġa mis-sonata.
Vivaldi kkompona 329 kunċert għal strument solista wieħed u arki, li 220 minnhom huma għal vjolin, 37 għal fagott, 27 għal vjolinċell, 19 għal obwe, 13 għal flawt travers, 2 għal flawt dritt, 3 għal flautino (flawt dritt sopran irqieq), wieħed għal mandolina u 7 għal viola d'amore. Barra minn dawn hemm xi erbgħin kunċerti għall-żewġ strumenti u arki, l-aktar għal żewġ strumenti ugwali (żewġ vjolini jew żewġ obwejiet), imma fosthom hemm ukoll il-famuż kunċert għal viola d'amore u ljutu. Imbagħad hemm aktar minn tletin kunċerti multipli, għal aktar minn tliet solisti. Ma dawn irridu nżidu xi sittin "kunċert mimli" (kunċert għall-arki mingħajr solisti), jixbhu ħafna s-sinfoniji tal-opra, li fihom kultant insibu attenzjoni għall-elaborazzjoni kontrappuntistika 'l bogħod ħafna mill-immaġini stereotipata ta' Vivaldi bħala kompożitur "faċli" u superficjali.[1] Hemm numru żgħir ta' kunċerti b'solista u żewġ orkestri, infatti din hu qsim tal-orkestra f'żewġ gruppi separati, fit-tradizzjoni tal-polikoralità sagra Venezjana fli fjorixxiet bejn l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-sbatax. Fl-aħħar hemm xi għoxrin "kunċert mingħajr orkestra", miktubin għal grupp ta' numru ta' strumenti, minn tnejn sa sitta, akkompanjati mill-basso continuo: dawn mhumiex tal-forma li fiha jiġu trattati s-soltu dawn il-gruppi, jiġifieri il-forma tas-"sonata da camera" jew tas-"sonata da chiesa", imma f'dik tal-kunċert "bir-ritornelli".[21]
Ħafna kunċerti huma programmatiċi jew onomatopejċi: fost dawn hemm pereżempju l-fumużissmi Stagioni (Staġuni, RV269, 315, 293, 297) li huma l-ewwel erba' kunċerti fl-opra 8, Il Gardellino (Il-Gardell, RV90, 428), La Tempesta di Mare (It-Tempesta tal-Baħar, RV98, 433, 570), Il cornet[t]o da posta (Il-Kurunetta tal-Posta, RV363), La Caccia (Il-Kaċċa, RV 362), La notte (Il-Lejl, RV104, 501). Imbagħad ħafna kunċerti oħra għandhom titlu li jista' jirreferi għall-istil mużikali, bħall-Concerto madrigalesco (Kunċert madrigalesk, RV129) jew il-Concerto alla rustica (Kunċert bi stil rustiku, HRV151), jew għall-emozzjoni ġenerali tal-mużika, bħal L'inquietudine (RV23) jew L'amoroso (RV271), għall-modalità partikulari tal-eżekuzzjoni bħal L'ottavina (RV763), li fiha is-soli kollha jindaqqu fuq l-ottava l-għolja, jew anke għall-eżekutur li jkun ħa jdoqqu, bħal Il Carbonelli (RV366) jew għall-okkażżjoni li jkun kompost għaliha tkun bħall-kunċerti "per lal-la solennità di S Lorenzo" (RV286, 556, 562).[22]
Waslulna madwar 90 sonata, li jippreżentaw stil inqas innovattiv min tal-kunċerti. Kemm fis-sonata solistika (għal strument wieħed u basso continuo) kif ukoll fis-sonata "għal tlieta" (għal żewġ strumenti u basso continuo) tintuża sistema formali u kitba marbuta mal-mudelli komuni tal-musica da camera ta' dak iż-żmien (Arcangelo Corelli, Tomaso Albinoni, l-iskola Bolonjiża u dik Venezjana). Is-sonati għal tlieta, miġburin fl-opra 1 u l-opra 5, huma influwenzati ħafna mix-xogħlijiet da camera ta' Arcangelo Corelli, anke jekk huma "dinamizzati" mill-vitalità tal-kitba strumentali Venezjana, filwaqt li s-sonati għall-istrument wieħed, miktubin l-aktar għall-vjolin, jew għall-vjolinċell, jew għal strument tan-nifs, għandhom stil tipikament da camera personalizzat minn żvilupp partikolari tal-kantabilità fil-movimenti bil-mod u minn distakkament progressiv fir-ritmu mill-mudelli taż-żfin.
Fost is-sonati tiegħu, ta' min jiftakar ir-RV 68, RV 70, RV 71 u RV 77, miktubin għall-żewġ vjolini u kontrabaxx ad libitum, li x'aktarx kienu komposti qabel id-dwetti għall-żewġ vjolini op. 3 ta' Jean-Marie Leclair[1]u allura huma fost l-ewwel u l-aktar eżempji interessanti ta' sonati għall-żewġ vjolini mingħajr akkompanjament mill-basso continuo.
Sonati[23] | ||||
61 sonata għal strument wieħed u kontrabaxx | ||||
N° | Strument | |||
---|---|---|---|---|
40 | vjolin | |||
9 | vjolinċell | |||
6 | musette jew ghironda, vjolin, obwe, flawt[24] | |||
4 | flawt | |||
1 | obwe | |||
1 | flawt dritt | |||
27 sonati għal tlieta (żewġ strumenti u kontrabaxx) | ||||
N° | Strument | |||
20 | żewġ vjolini | |||
5 | żewġ strumenti diversi | |||
1 | żewġ obwejiet | |||
1 | żewġ flauti | |||
3 sonati għal erba' (erba' partijiet strumentali) | ||||
2 | żewġ vjolini, vjola u kontrabaxx | |||
1 | żewġ strumenti diversi, obwe, chalumeau u organo obbligato | |||
Kunċerti[25] | ||||
329 kunċert bi strument solista wieħed | ||||
N° | Strument | |||
220 | vjolin | |||
37 | fagott | |||
27 | vjolinċell | |||
19 | obwe | |||
13 | flawt | |||
7 | viola d'amore | |||
3 | flautino | |||
2 | flawt dritt | |||
1 | mandolina | |||
45 kunċert doppji (żewġ strumenti solisti, orkestra tal-arki u continuo) | ||||
N° | Strument | |||
25 | żewġ vjolini | |||
11 | żewġ strumenti diversi | |||
3 | żewġ obwejiet | |||
2 | żewġ korni | |||
1 | żewġ vjolinċelli | |||
1 | żewġ mandolini | |||
1 | żewġ flauti | |||
1 | żewġ truombetti | |||
34 kunċert għal grupp (aktar minn żewġ strumenti solisti, orkestra tal-arki u continuo) | ||||
4 kunċerti għal lżewġ orkestri tal-arki u solista (jew solisti) | ||||
22 kunċerti da camera (minn 3 sa 6 strumenti solisti u continuo) | ||||
44 kunċert għal orkestra tal-arki u continuo | ||||
Meta neżaminaw x-xogħijiet ippubblikaati waqt li Vivaldi kien għadu ħaj, mal-ewwel nindunaw li fl-ewwel snin tal-karriera tiegħu kien hemm prevalenza ta' sonati, waqt li fit-tieni parti ta' ħajtu, meta kien diġa kompożitur stabilit, kien hemm maġġoranza assoluta ta' kunċerti. L-aħħar żewġ pubblikazzjonijiet, Opus XIII u oħra bla numru, li jikkonsistu f'sonati huma każijiet partikolari. L-ewwel waħda hi żgur falza u min id Franċiża imma fiha jintużaw elementi tematiċi ta' oriġni Vivaldjana. It-tieni waħda min-naħa l-oħra hi pubblikazzjoni magħmula mingħajtr il-kontroll tal-kompożitur, kif jidher ċar mill-fatt li m'għandhiex numru u skont Kolneder x'aktarx fiha mużika komposta ħafna snin qabel.[26] Ta' min jgħid li l-pubblikazzjoni tal-kunċerti kienet tqum ħafna iżjed minn pubblikazzjoni ta' sonati u allura kienet operazzjoni kummerċjali ħafna iżjed ta' riskju għal kompożitur żagħżugħ. Għalhekk ma nistgħux neskludu l-possibbiltà li Vivaldi kkompona l-kunċerti fl-ewwel snin tas-sarvizz tiegħu mal-Ospedale della Pietà, kif forsi jista' jidher mill-fatt li ngħata aktar responsabbiltà fl-1705, miż-żieda fl-istipendju li kiseb fl-1708[27] u minn diversi affinitajiet stilistiċi bejn is-sonati għal vjolin u ċimbalu f' Opus II (1708) u xi kunċerti ta' l'Estro Armonico (Opus III, 1711).
Opus | Titlu | Editur |
---|---|---|
Opus I | 12 sonati għal żewġ vjolini u basso continuo | Venezja, G. Sala, 1703 |
Opus II | 12 sonati għal vjolin e basso continuo | Venezja, A. Bortoli, 1708[11] |
Opus III | L'estro armonico, 12-il kunċert | Amsterdam, E. Roger, 1711 |
Opus IV | La stravaganza, 12-il kunċert | Amsterdam, E. Roger, 1716 |
Opus V | 6 sonati għal vjolin jew tnejn u basso continuo | Amsterdam, J. Roger, 1716 |
Opus VI | 6 kunċerti għal vjolin, arki u basso continuo | Amsterdam, J. Roger, 1719 |
Opus VII | 12-il kunċert | Amsterdam, J. Roger, 1720 |
Opus VIII | Il cimento dell'armonia e dell'inventione, 12-il kunċert | Amsterdam, M.-C. Le Cène, 1725 |
Opus IX | La cetra, 12-il kunċert | Amsterdam, M.-C. Le Cène, 1727 |
Opus X | 6 kunċerti għall-flawt travers, arki u basso continuo | Amsterdam, M.-C. Le Cène, 1729 |
Opus XI | 6 kunċerti | Amsterdam, M.-C. Le Cène, 1729 |
Opus XII | 6 kunċerti | Amsterdam, M.-C. Le Cène, 1729 |
(Opus XIII) | Il pastor fido, 6 sonati għal musette jew ghironda, flawt travers, obwe, vjolin u basso continuo.[24] (falza) | Pariġi, Mme Boivin, 1737 |
Mingħajr numru | 6 sonati għal vjolinċell u basso continuo | Pariġi, edizzjoni Le Clerc le cadet - Le Clerc-Boivin, 1740 |
Vivaldi kien isostni li kien ikkompona 94 opra. Fir-realtà, ġew identifikati inqas minn 50 titlu, u xi 20 biss għadhom jeżistu. Min-naħa l-oħra, il-kalolu tal-kompożizzjonijiet hu magħmul aktar kompless mid-drawwa tal-epoka li jieħdu opri qodma u jbiddlulhom it-titlu u li jikkomponu pastiċċi[28] li jkun fihom mużika ta' diversi awturi, kemm miktuba għall-okkażżjoni u kemm adatta minn opri ta' qabel.
Waslulna 21 opra minn Vivaldi, xi wħud sħaħ o oħrajn le, kollha drammi għall-mużika li mill-punto di vista drammatiku jsegwu il-kanoni tipiċi tal-opera seria tal-epoka. Madankollu l-mużika hi dinamika u rikka fl-invenzjoni. Però mhux rari li nsibu f'xi pastiċċi tard fil-ħajja tal-Prete Rosso, arji ta' kompożituri kontemporanji, bħal Leonardo Leo, Geminiano Giacomelli, Johann Adolf Hasse u Giovanni Battista Pergolesi.
Vivaldi ikkompona l-kantati tiegħu jibbaża ruħu prinċipalment fuq il-manjiera Naplitana tipika tal-kompożituri ta' wara Alessandro Scarlatti u Benedetto Marcello: huma magħmulin minn sensiela ta' tnejn jew iżjed arie da capo li jalternaw ma' reċitattivi. Ix-xenarju hu meħud dejjem minn temi mill-Arkadja: rgħajja fid-dwiefer tat-turmenti tal-imħabba u ta' ninfi infidili (jew kontra) li Kupidu jagħmel straġi minn qalbhom.[29]
Instabu dawn il-kantati ta' Vivaldi:
Ikkomparata mal-cantata, is-serenata kienet xogħol ta' dimensjonijiet aktar importanti b'ouverture orkestrali, arji solistiċi, reċitattivi u kultant anki korijiet. Is-serenati kollha ntilfu ħlief tlieta: is-Serenata a tre RV 690, is-serenata taż-żwieġ, Gloria e Himeneo RV 687 u fuq kollox La Sena festeggiante RV 693, ikkommissjonata lil Vivaldi fl-1726 minn Jean-Vincent Languet, konti ta' Cergy u ambaxxatur ta' Franza f'Venezja, għal xi okkażjoni li ma nafux x'kienet, forsi għaċ-ċerimonji tal-insedjament tal-amaxxatur stess jew forsi għaż-żjara tal-Kardinal Pietro Ottoboni, protettur uffiċjali tal-interessi ta' Franza fis-Santa Sede.[30]
Il-mużika sagra ta' Vivaldi kient ftit magħrufa barra mill-Italja u, bħax-xogħlijiet kollha tiegħu wara mewtu intesit għal kollox u ftit ftit ftit reġgħet saret magħrufa u apprezzata ħafna fil-bidu tat-tletinijiet tas-seklu 20. Waslulna madwar 50 xogħol ta' mużika sagra ta' ġeneri differenti: partijiet mill-Quddiesa Tridentina u l-introduzzjonijiet tagħhom (Kyrie, Gloria, Credo), salmi, innijiet, antifoni, mottetti. L-impenn tal-Prete Rosso fir-repertorju sagru kien ftit jew xejn okkażjonali billi la kellu kommissjonijiet u lanqas qatt ħa b'mod fiss il-kariga prestiġjuża ta' maestro f'San Marco.[31] Il-mużika sagra tiegħu kien f'dak li jgħidulu l-istil modern (jiġifieri kunċertat, tipiku tal-mużika Venezjana, b'kuntrast mal-istil antik jew osservat sever tal-mużika ta' Palestrina), anke jekk hekk jew hekk bosta movimenti tax-xogħlijiet tiegħu baqgħu marbutin mal-istil osservat. Anke x-xogħlijiet tiegħu a cappella bħall-Lauda Jerusalem b'4 vuċijiet u l-Credidi b'5 vuċijiet jimxu mal-istil kunċertat fejn l-istrumenti bilkemm jastakkaw ruħhom mill-gruppi tal-kor. Barra minn hekk dan ir-repertorju kien suġġett għall-influwenzi operistiċi tal-epoka. Dan nistgħu nosservawh fuq kollox fil-mottetti tiegħu għal vuċi waħda.
Barra minn hekk Vivaldi ikkompona tmien mottetti ta' "introduzzjoni" li kienu jservu bħala daħla għal xogħlijiet fuq skala akbar (Gloria, Dixit Dominus, Miserere); dan is-sottoġeneru rari kien jintuża minn kompożituri oħra. Partikularità oħra li tiddistingwi l-mużika sagra tal-Prete Rosso hi li kien sikwit jassenja l-parti melodika għall-vjolin fil-movimenti korali, b'hekk iħalli l-kor ikanta f'omofonija fl-isfond (pereżempju l-ewwel u l-aħħar moviment tal-Credo RV 591). B'dan il-mod Vivaldi antiċipa l-quddies sinfoniku tal-ġenerazzjoni ta' Haydn. Anke l-inflwenzi tal-kunċert jidhru ċarament. Biżżejjed ninnotaw il-Beatus vir RV 598, li fiha intervall twil ta' 420 battuta fil-forma ta' ritornell. Fost ix-xogħlijiet sagri l-aktar famużi tiegħu hemm il-Gloria RV 589, iż-żewġ Magnificat RV 610 u RV 611, l-iStabat Mater RV 621 u l-oratorju Juditha triumphans.
Seamless Wikipedia browsing. On steroids.
Every time you click a link to Wikipedia, Wiktionary or Wikiquote in your browser's search results, it will show the modern Wikiwand interface.
Wikiwand extension is a five stars, simple, with minimum permission required to keep your browsing private, safe and transparent.