![cover image](https://wikiwandv2-19431.kxcdn.com/_next/image?url=https://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/b/ba/20090529_Great_Wall_Jinshanling_0905_8235.jpg/640px-20090529_Great_Wall_Jinshanling_0905_8235.jpg&w=640&q=50)
Ħajt il-Kbir taċ-Ċina
sensiela ta’ fortifikazzjonijiet mibnija tul il-fruntiera storika taċ-Ċina / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina (biċ-Ċiniż tradizzjonali: 萬里長城; biċ-Ċiniż issimplifikat: 万里长城; bil-pinyin: Wànlǐ Chángchéng) huwa sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li nbnew tul il-fruntieri storiċi tat-Tramuntana tal-istati antiki taċ-Ċina u taċ-Ċina Imperjali bħala protezzjoni minn diversi gruppi nomadiċi mill-Isteppa Ewroasjatika. Inbnew diversi ħitan sa mill-bidu tas-seklu 7 Q.K.[1], b’biċċiet selettivi li iktar ’il quddiem ġew magħquda flimkien minn Qin Shi Huang (220-206 Q.K.), l-ewwel imperatur taċ-Ċina. Ftit li xejn fadal mill-ħajt ta’ Qin Shi Huang.[2] Iktar ’il quddiem, ħafna dinastiji suċċessivi bnew diversi biċċiet tal-ħitan fil-fruntieri u wettqu l-manutenzjoni tagħhom. L-iktar biċċiet magħrufa sew tal-ħajt inbnew mid-dinastija Ming (1368-1644).
![Thumb image](http://upload.wikimedia.org/wikipedia/commons/thumb/b/ba/20090529_Great_Wall_Jinshanling_0905_8235.jpg/640px-20090529_Great_Wall_Jinshanling_0905_8235.jpg)
Apparti għad-difiża, fost l-iskopijiet għaliex inbena l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina hemm il-kontrolli tal-fruntieri, l-impożizzjoni ta’ dazji fuq il-merkanzija ttrasportata tul it-Triq tal-Ħarir, ir-regolamentazzjoni jew it-tħeġġiġ tal-kummerċ, u l-kontroll tal-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni.[3] Barra minn hekk, il-karatteristiċi difensivi tal-Ħajt il-Kbir ittejbu permezz tal-kostruzzjoni ta’ torrijiet tal-għassa, barrakki għat-truppi, stazzjonijiet għall-gwarniġjoni, kapaċitajiet ta’ sinjalar bid-duħħan jew bin-nar, u l-fatt li l-mogħdija fuq il-Ħajt il-Kbir kienet isservi wkoll bħala kuritur tat-trasport.
Il-ħitan fil-fruntieri nbnew minn dinastiji differenti u għandhom diversi mogħdijiet. Kollettivament, jibdew minn Liaodong fil-Lvant u jibqgħu sejrin tal-Lag ta’ Lop fil-Punent, mill-fruntiera attwali bejn iċ-Ċina u r-Russja fit-Tramuntana sax-xmara Tao (Taohe) fin-Nofsinhar; tul ark li bejn wieħed u ieħor jimxi tul it-tarf tal-isteppa tal-Mongolja; u jkopri iktar minn 20,000 km b’kollox.[4] Illum il-ġurnata, is-sistema difensiva tal-Ħajt il-Kbir ġeneralment hija rikonoxxuta bħala waħda mill-iktar għeġubijiet arkitettoniċi impressjonanti fl-istorja. Barra minn hekk, huwa Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1987 u wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja mill-2007.[5]